Tliet persuni, mara ta’ 44 sena li tgħix San Pawl il-Baħar, żagħżugħ ta’ 15-il sena u tifel ta’ disa’ snin weġġgħu gravi u raġel ta’ 44 sena weġġa’ ħafif wara inċident tat-traffiku fl-Iklin.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar, meta ir-raġel ta’ 44 sena kien qed isuq Toyota Vitz, tilef il-kontroll tal-karozza u din ħabtet ma’ ħajt.
Fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ tim mediku u l-persuni kollha ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.