Tliet persuni fosthom tifel ta’ għaxar snin weġġħu gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Ħal Kirkop.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq l-Industrija.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li mara ta’ 31 sena, residenti Santa Venera, tilfet il-kontroll ta’ Mercedes Benz li kienet qed issuq b’konsegwenza li l-vettura ħabtet ma’ lqugħ li jifforma parti mill-perimitru tal-ajruport. Passiġġiera fl-istess vettura kien hemm tfajla ta’ 21 sena, tfajla ta’ 15-il sena, tifla ta’ 7 snin u żewġ subien ta’ 12 u 10 snin.
Huma ingħataw l-għajnuna minn tim mediku u ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza.
Aktar tard it-tfajliet ta’ 21 sena u 15-il sena flimkien mat-tifel ta’ 10 snin kienu iċċertifikati bi ġrieħi gravi filwaqt li l-persuni l-oħra kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.