ONE News jista’ jiżvela li tliet irġiel dehru jiġru b’basket kbir f’idejhom, rikbu f’karozza bajda u telqu minn fuq il-post.
Dan ġara viċin id-dar fejn seħħ l-omiċidju doppju, fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl f’Tas-Sliema.
Sorsi qalu dan lil ONE News wara li l-pulizija kisbet din l-informazzjoni minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà u min-nies li tkellmu mal-pulizija li nzertaw qrib lukanda fiż-żona ta’ Qui-si-Sana.
Kien ilbieraħ għall-ħabta tal-10:30 pm meta l-pulizija sabet lil Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, tan-nazzjonalità barranija, f’għadira demm fir-residenza privata f’Tas-Sliema.
Huma inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar, fid-dar ta’ Pandolfino, li huwa tabib.
Nifhmu li l-pulizija għadha qed tinvestiga x’kien l-mottiv wara dan l-omiċidju doppju, bil-pulizija mhux teskludi żewġ xenarji li jew xi ħadd prova jidħol fid-dar biex jisraq jew jekk allegatament kienx hemm xi persuni ġewwa u seħħ xi argument li wassal għal dan il-qtil.
Huwa mifhum li Pandolfino kien tabib li sar bankier snin ilu u għamel xi żmien barra minn Malta f’Londra fejn għamel suċċess fil-karriera tiegħu u mbagħad ġie lura pajjiżna madwar 15-il sena ilu.
Sorsi qalulna li n-nies li tkellmu mal-pulizija qalu li Pandolfino kien jilbes fuqu ammont kbir ta’ deheb. Minkejja li l-pulizija ma sabitx ħafna taqlib fir-residenza, jidher li ma sabux l-ammont kollu ta’ deheb li kien joħroġ bih Dr. Pandolfino.
Il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani spjega li kienu l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li waslu mal-ewwel fuq il-post wara rapporti li nstemgħu sparaturi fir-residenza privata.
Pisani spjega li ż-żewġt irġiel instabu f’postijiet differenti fid-dar.
Wieħed mill-irġiel instab fis-sular ta’ isfel, filwaqt li l-ieħor instab fis-sular ta’ fuq.
Matul il-lejl, il-pulizija għamlet diversi tfittxijiet f’diversi lokalitajiet għall-persuni li wettqu dan l-omiċidju doppju.
Jidher li sa issa għadu ħadd ma ġie arrestat.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew minn uffiċjali tar-reati maġġuri.
Inħatret ukoll inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Ian Farrugia.