Tliet persuni ġew arrestati wara li lbieraħ filgħaxija nstabu fil-pussess ta’ droga waqt rondi li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt, f’diversi akwati tal-Belt Valletta u l-Furjana.
Għall-ħabta tas-7:20 ta’ filgħaxija il-pulizija ġew infurmati b’diversi rapporti ta’ storbju fil-ġnien ta’ Hastings.
Il-pulizija avviċinat żewġ żgħażagħ u waqt li bdew ikellmuhom, wieħed miż-żgħażagħ prova jaħrab iżda kien imwaqqaf mill-ewwel.
Għaldaqstant il-pulizija għamlu tfittxija fejn instabu żewġ pakketti b’sustanza suspettat kannabis, crusher u oġġetti oħra relatati ma’ droga fuq żagħżugħ ta’ 19 –il sena li joqgħod Santa Venera.
Dan filwaqt li fuq iż-żagħżugħ li wkoll għandu 19 –il sena u joqgħod San Ġiljan, instabu seba’ pakketti b’sustanza suspettata kannabis, crusher, xafra żgħira u oġġetti oħra relatati mad-droga kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Intant, waqt aktar rondi, il-Pulizija waqfet vettura li dehret suspettuża u li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 28 sena. Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuq ir-raġel, il-Pulizija sabet sustanzi suspetti droga eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.