Ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga matul il-jum tas-Sibt wasslet għall-arrest ta’ tliet persuni.
Waqt rejd li sar f’residenza u garaxx f’Ħal Qormi, instabu sustanzi suspettati raża tal-kannabis, ħaxixa tal-kannabis, kokaina u eroina. Waqt it-tfittxija insabu wkoll flus, armi u affarijiet oħra relatati mal-abbuż u t-traffikar tad-droga fosthom miżien elettroniku u boroż.
Il-persuni, li huma żewġt irġiel u mara li l-età tagħhom tvarja bejn it-23 sena u l-35 sena, huma residenti Ħal Qormi, il-Floriana u San Ġiljan.
It-tlieta qed jinżammu mill-Pulizija biex jgħinuha fl-investigazzjonijiet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.