Tliet persuni ġew arrestati f’żewġ operazzjonijiet separati kontra t-traffikar tad-droga.
Il-pulizija kkonfermat dan wara li dalgħodu ONE News irrapporta kif żagħżugħ ġie arrestat fil-Fgura wara ġirja bil-karozzi.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li l-ewwel operazzjoni saret il-Ħadd f’Ħal Qormi.
Il-pulizija qalet li wara osservazzjoni fuq il-movimenti ta’ ġuvni ta’ 23 sena li jgħix il-Ħamrun, għal xit-tlieta ta’ waranofsinhar, il-pulizija ċċirkondaw il-vettura li kien qiegħed isuq iż-żagħżugħ fi Vjal De La Cruz.
F’dan il-mument, is-sewwieq ipprova jaħrab u anke ħabat f’karozza tal-Pulizija, iżda huwa ġie arrestat minnufih.
Intqal kif minn tfittxija li saret fil-karozza nstabu 230 pakkett allegatament li hija droga lesta għat-traffikar.
Imbagħad il-pulizija qalet li dalgħodu, wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, ftit wara s-sebgħa u nofs, il-pulizija ppruvaw iwaqqfu karozza f’Ħaż-Żabbar, iżda s-sewwieq, malli nduna bil-preżenza tal-pulizija, saq b’veloċità fid-direzzjoni tal-Fgura.
Kif irrapporta ONE News, malli waslu fi Vjal il-Kottoner, il-pulizija mblukkaw il-karozza, iżda s-sewwieq, ġuvni ta’ 29 sena residenti Bormla, ipprova jerġa’ jaħrab, bil-konsegwenza li ħabat f’karozza tal-pulizija u f’żewġ vetturi oħra privati.
Huwa ġie arrestat u saret tfittxija fil-karozza fejn instabu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.
Fl-istess ħin, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit iċċirkondaw residenza fi Triq San Mikiel, Bormla, fejn hemmhekk arrestaw raġel ta’ 66 sena.
F’din id-dar f’Bormla saret tfittxija fil-post, bil-pulizija televa ammont ieħor konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll oġġetti oħra ta’ valur, fosthom arloġġi.
It-tliet persuni qegħdin jinżammu arrestati fil-lockup tad-Depot u nfetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, bl-assistenza tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, għadhom għaddejjin.
https://www.one.com.mt/2021/04/12/bhalissa-arrestat-zaghzugh-wara-girja-warajh-mill-pulizija-kostretti-jahbtu-fil-karozza-tieghu1-3/