Ilbieraħ għall-ħabta tal-10:00 ta’ filgħodu, il-Pulizija mill-Għassa tal-Belt Valletta, osservaw ħames persuni fl-inħawi ta’ Bieb il-Belt, li qajjmu suspett u għalhekk il-Pulizija segwew lil dawn il-persuni.
Ftit tal-ħin wara, l-Pulizija osservaw tnejn minn dawn il-persuni li waqqfu, ħarġu tapit, tliet kaxxi u ballun żgħir u wieħed minnhom beda jilgħab biex allegatament iħajjar lin-nies jilgħabu din il-logħba illegali u li dwarha riċentament diversi persuni kitbu fuq il-midja soċjali.
Iż-żewġt irġiel li huma mil-Maċedonja u r-Rumanija rispettivament, ġew arrestati mill-Pulizija tal-Belt bl-assistenza tal-Pulizija mis-sezzjoni tat-Traffiku u l-oġġetti ġew elevati mill-Pulizija.
Iżjed tard filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan ġew infurmati li fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan, kien hemm persuna li qed tħajjar lin-nies biex jilgħabu l-imsemmija logħba.
Il-Pulizija rrikorrew fuq il-post fejn instab raġel Rumen, li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ngħatat. Ir-raġel ġie arrestat, filwaqt li tapit, tliet kaxxi u ballun ġew elevati.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta maż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.