L-awtoritajiet fl-Emirati Għarab Magħquda arrestaw tliet persuni b’rabta mal-qtil ta’ rabbi Iżraeljan mill-Moldova li nstab maqtul aktar kmieni.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Interni, fuq il-portal X ilbieraħ qal li l-awtoritajiet irnexxielhom jarrestaw f’ħin rekord it-tliet min-nies involuti fil-qtil ta’ Zvi Kogan li skont id-dokumenti ta’ identifikazzjoni kien mill-Moldova u kien residenti fl-Emirati.
Tim speċjalizzat mill-ewwel sab il-ġisem tiegħu wara li kien ġie rrappurtat nieqes u wara li ġie identifikat arrestaw lis-suspettati u bdew proċeduri legali kontrihom. Huma qalu li d-dettalji tal-inċident jiġu mħabbra wara li jkunu konklużi l-investigazzjonijiet.
Il-Gvern ta’ Iżrael qal li l-qtil ta’ Kogan, li kien ilu rrapurtat nieqes mill-Ħamis, kien att terroristiku antisemitiku. Fi stqarrija, l-Prim Ministru Netanyahu qal li pajjiżu kien se jipproċedi kontra l-kriminali responsabbli bil-massimu tal-piena skont il-liġi.
In-nuqqas ta’ Kogan mill-ewwel kien issuspettat bħala każ ta’ ħtif. Huwa kien ir-rappreżentant f’Abu Dabi taċ-Chabad Lubavitch, organizzazzjoni influwenti Ortodossa Lhudija bbażata fi New York.
L-uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali ta’ Iżrael, ilbieraħ qal li ċittadini ta’ Iżrael għandhom jevitaw li jivjaġġaw lejn l-Emirati Għarab Magħquda u qalu biex dawk li qegħdin fl-Emirati jevitaw milli jesebixxu simboli Iżraeljani u ma jżurux lokalitajiet li jidentifikaw mal-popolazzjoni Iżraeljana u Lhudija.
Il-President ta’ Iżrael Isaac Herzog qal li dan l-attakk vili antisemitiku mhux se jnaffar lill-Iżraeljani milli jkomplu jkattru l-komunitajiet fl-Emirati u postijiet oħra.