Tliet persuni ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ droga suspettata kokaina, li l-valur tagħha huwa ta’ kważi €600,000.
L-ewwel arrest sar is-Sibt li għadda, meta Spanjola ta’ 20 sena kienet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tagħha minn Madrid u fil-pussess tagħha nstabet sustanza suspettata kokaina.
Iżjed tard, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd ġie arrestat raġel ta’ 30 sena mill-Venezwela, li kien għadu kemm jasal Malta minn Madrid. Huwa ġie segwit mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga sa appartament fl-Imsida, fejn aktar tard ġie arrestat.
Filwaqt li lbieraħ Spanjol ta’ 38 sena ġie arrestat f’lukanda li tinsab f’San Ġiljan wara li nstabet droga suspettata kokaina.
Il-Maġistrat Dr Elaine Mercieca qed tmexxi inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dawn l-arresti.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, filwaqt li ż-żewġt irġiel u l-mara se jitressqu l-Qorti għall-ħabta tal-10:30 quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo.
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.