L-Iran ċaħad stqarrija konġunta mill-mexxejja ta’ Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li fiha akkużaw lil dan il-pajjiż fil-Lvant Nofsani għall-attakki fuq raffinerija taż-żejt fl-Arabja Sawdija aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran akkuża lil dawn it-tliet pajjiżi Ewropej li bħall-pappagalli, irrepetew dawk li sejjaħ bħala “akkużi assurdi” tal-Istati Uniti.
Il-Mexxejja Ewropej qalu li m’hemmx spjegazzjoni plawżibbli oħra għall-attakki, li kawża tagħhom waqqfu nofs il-produzzjoni taż-żejt fl-Arabja Sawdija.
Fl-istqarrija, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, il-President Franċiż Emmanuel Macron, u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, qalu li huwa ċar li l-Iran huwa responsabbli għal dawn l-attakki. Qalu wkoll li jappoġġjaw l-investigazzjonijiet li għaddejjin biex jistabilixxu aktar dettalji.
Ritratt: AFP