B’investiment ta’ nofs miljun ewro ġew imnedija tliet opri tal-baħar ġodda li ser ikunu qed jintużaw mill-uffiċjali ta’ Transport Malta għax-xogħol tagħhom fiż-żamma tal-ordni fuq il-baħar.
Dan wara li Transport Malta xtrat total ta’ ħames RHIBS.
Dawn l-opri tal-baħar twal 35 pied ġew imnedija f’attività fil-bażi marittima l-ġdida ta’ Transport Malta.
It-Team Manager tat-taqsima marittima ta’ Transport Malta, Rudolph Muscat, spjegalna kif dawn id-dgħajjes ġodda huma mgħammra bl-aħħar apparat u b’teknoloġija li tippermetti komunikazzjoni diretta ma’ opri tal-baħar oħra.
Huwa spjega kif l-opri tal-baħar ġodda huma mgħammra b’cuddy cabin u mħaddma b’muturi doppji tad-ditta Yamaha 250 Horsepower.
Muscat qal, “Kibru d-dinghys minn dawk li kellna. Żidulna l-opportunitajiet li nistgħu naħdmu f’iktar baħar. Kellna kważi restrizzjoni mid-dinghys li kellna, ma kinux daqsekk ta’ size. Ma kinux jgħinuna. Dawn ser ikunu aħjar għall-elementi, jipproteġuna aħjar, jingħalqu ħabba x-xita u jingħalqu ħabba r-riħ.”
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg stqarr kif dawn l-opri tal-baħar ġodda ser ikunu qed iżidu s-sigurtà u kumdità fuq il-post tax-xogħol tal-uffiċjali tas-sezzjoni marittima ta’ Transport Malta.
Dan fi żmien fejn l-attività fuq il-baħar dejjem qed tiżdied.
Il-Ministru Borg sostna: “Hemm aktar nies li qed jagħżlu li jixtru opri tal-baħar u allura aħna rridu nkomplu norganizzaw aktar il-portijiet u l-bajjiet biex niżguraw li ma jkunx hemm inċidenti u li wieħed jirrispetta lil dawk ta’ madwaru, sew jekk huma b’dgħajjes oħra, sew jekk ikunu nies f’żoni li huma stabbiliti għalihom jew dawk li jabbużaw u jgħumu fejn mhumiex awtorizzati.”