Tliet nisa, fosthom ħabiba tal-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja nqatlu meta raġel fetaħ in-nar f’kafetterija f’Ruma, u weġġa’ erba’ persuni oħra.
Il-vittmi kienu qed jiltaqgħu ilbieraħ, bħala parti minn kumitat tar-residenti ta’ blokka lokali.
Roberto Gualtieri, Sindku ta’ Ruma, iddeskriva l-isparatura bħala “episodju gravi ta’ vjolenza” u qal li se jattendi laqgħa ta’ emerġenza llum it-Tnejn.
Suspettat ta’ 57 sena jinsab arrestat, u qed ikun irrapportat kien miġġieled ma’ xi wħud mill-bord tal-kumitat.
Luciana Ciorba, il-viċi president tal-kumitat, kienet fil-kafetterija fid-distrett ta’ Fidene. Hija irrakkontat li r-raġel armat daħal fil-bar ilbieraħ, jgħajjat “se noqtolkom kollha” qabel ma uża l-pistola. Huwa inżamm minn residenti oħra qabel ma ġie arrestat mill-pulizija.
Fost dawk midruba, hemm żewġ nisa u żewġt irġiel, waħda minnhom f’qagħda gravi.
Il-Prim Ministru Giorgia Meloni qalet li waħda min-nisa maqtula hija l-ħabiba tagħha Nicoletta Golisano. In-nisa mejta l-oħra kienu jisimhom Elisabetta Silenzi u Sabina Sperandio.
F’post fuq Facebook, bagħtet il-kondoljanzi tagħha u qaelt li se tibqa’ dejjem tiftakar lil ħabibha tagħha bħala persuna “sabiħa u ferreħija”.