Il-Prim Minsitru Joseph Muscat qal li hemm tliet mistoqsijiet li kull min qed isegwi diskors illejla jrid jagħti tweġiba għalihom
1.Malta llum sejra aħjar minn li kienet sejra tlett snin u nofs ilu?
2.Int u l-familja tiegħek sejrin aħjar minn li kontu tlett snin u nofs ilu?
3.Int u l-familja se tmorru saħansitra aħjar fis-sena u nofs u aktar li ġejjin?
Muscat qal li t-tweġiba tal-maġġoranza l-kbira hija iva filwaqt li qal li l-fiduċja fid-direzzjoni li qed jieħu l-pajjiż fit-tajjeb u l-bidliet li qed iseħħu qed iwasslu għal dawn ir-risposti. Qasam esperjenzi ta’ suċċess.
Il-Prim Ministru qal li jrid ikellem ukoll lil min iħoss li baqa’ fejn kien jew saħansitra mar lura, u bla tidwir jurihom li jaf x’ inhuma l-weġgħat.
Filwaqt li hu kburi bir-riżultati li qed jinkisbu, għal dan il-Gvern huma importanti l-problemi u l-aspirazzjonijiet li jiltaqa’ magħhom il-ħaddiem li kull filgħodu jqum għax-xogħol, l-istudenta li taqbad tal-linja biex tmur l-MCAST, is-self employed li jrid jara kif jibqa’ kompetittiv, il-pensjonanta li tixtieq tagħti dik xi ħaġa lin-neputijiet.
Il-Prim Ministru qal li l-aspirazzjonijiet tagħhom huma l-aspirazzjonijiet ta’ dan il-Gvern.
Bħala prinċipju, qal il-Prim Ministru, xogħol il-Gvern hu li jiżgura l-opportunità għall-prosperità għal kulhadd, mhux għall-ftit.
Muscat qal li huwa l-ewwel wieħed li jammetti li fadal x’jagħmel, iżda l-aħħar tliet snin it-tkissir ta’ kull ċifra pożittiva ta’ xogħol, tkabbir u ġid. Issa, sostna l-Prim Ministru, mhux iż-żmien li jieqaf jew li jreġġa’ l-arloġġ lura, iżda li jżid il-pass.
Fl-aħħar mill-aħħar, innota l-Prim Ministru, l-istatistika tgħid biss parti mill-istorja.
Dak li dan il-Gvern għamel hu li ħareġ familji mill-faqar, ħafna oħrajn jaffordjaw joħorgu jieklu, oħrajn imorru btala, jew jixtru karozza ġdida.
Dan il-Gvern daħħal il-fiduċja.
Mhux Standard and Poor’s biss tawna upgrade, sostna Joseph Muscat, iżda l-familji u negozji ukoll taw upgrade lil pajjiż għaliex hawn aktar fiduċja, u din tinħass.
Qal li l-bidla mhux faċli, u x-xogħol u l-ġid ma jiġux waħedhom. Fakkar li t-tnaqqis fil-kontijiet u fit-taxxi, fl-azzjoni fuq il-prezzijiet, bħal fil-każ tal-uniformijiet. Fakkar fic-childcare b’xejn li għen fl-emanċipazzjoni u indipendenza tan-nisa. Fakkar fir-riżutati fl-isptarijiet b’ inqas waiting lists u mediċini out of stock. Fakkar fil-bidliet fl-iskejjel, fir-riformi għas-servizzi soċjali, u fis-sistema tal-ġustizzja.Il-Prim Ministru għamel aċċenn ukoll għat-traffiku u d-dixxiplina fit-toroq, li dan il-Gvern jippreferi li jitlef il-voti flok jitlef aktar ħajjiet. Fakkar ukoll li qed jiġu aktar turisti minn qatt qabel, u fir-riformi fil-libertajiet ċivili.
Dawn, qal il-Prim Ministru, kollha riżultat ta’ Gvern li jiddeċiedi, u li jemmen li l-għerq tal-ottimiżmu hija l-ekonomija li ddawwarna.
Huwa Gvern li jħallik taħseb x’se tieħu u mhux x’se jeħodlok.
Dan ma kienx hekk minn dejjem, u s-sitwazzjoni kienet differenti tliet snin u nofs ilu. Din ma nistgħux neħduha for granted, qal il-Prim Ministru, filwaqt li qal li writtna sitwazzjoni li kienet sejra għall-agħar, bid-defiċit, dejn, xogħol, kontijiet, kumpaniji tal-gvern, ekonomija li bilkemm tiċċaqlaq.
Il-Gvern kien iġiegħel lin-nies ikunu pessimisti, lin-negozji joqgħodu lura u familji jibżgħu jonfqu.
Fi tliet snin u nofs sar turn around u bidla fid-direzzjoni. Preżenta fatti dwar id-defiċit, l-ispiża tal-Gvern, id-dejn, l-ammont ta’ negozji ġodda.
Għalhekk, sostna li jemmen li Malta se tmur aħjar taħt dan il-Gvern fis-snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern ħareġ id-dokument tat-twettiq tal-baġit u minkejja dan il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jaħbi r-realtá.