Mhux l-ewwel darba li waqt għawma mal-ħbieb jew qraba wieħed jara xi skart miexi mal-kurrent fl-ilma jew fuq xi bajja.
Barra minn hekk kemm il-darba rajna jew smajna kif ħafna fkieren u ħlejjaq qegħdin f’riskju ta’ estinzjoni minħabba r-rimi ta’ skart bl-addoċċ.
B’reazzjoni għal dan, tliet għawwiema Maltin, Richard Zerafa, Neil Agius u Gilbert Bartolo ser jipparteċipaw f’attività bl-isem “The Round Malta Swim”. Għawma madwar Malta b’distanza ta’ madwar sebgħin kilometru u li se toħdilhom madwar erbgħa u għoxrin siegħa.
Attività, li se tibda nhar il-Ġimgħa għoxrin ta’ Lulju fis-sitta ta’ filgħaxija, għandha l-għan li titqajjem iktar kuxjenza dwar il-problema tal-iskart fl-ibħra u l-bajjiet tagħna.
Filfatt hekk fadal inqas minn ġimgħa għal din l-isfida xejn ħafifa, l-preparamenti minn naħa tal-għawwiema Maltin għaddejjin ġmielhom.
Sabiex wieħed ikun jista’ jipparteċipa f’din l-attività jista’ sempliċiment jiġbor tliet biċċiet skart magħmulin mill-plastic, jieħu ritratt tagħhom u jxerrdu fuq il-midja soċjali bil-hashtag #WaveOfChange.
L-għawma ser tibda nhar il-Ġimgħa għoxrin ta’ Lulju fis-sitta ta’ filgħaxija u hekk kif mistennija toħdilhom erbgħa u għoxrin siegħa, għandha tintemm is-Sibt filgħaxija, bil-punt tat-tluq u l-wasla tkun il-bajja tal-Ġnejna.