47 student minn 35 pajjiż differenti ggradwaw bħala professjonisti fil-liġi marittima internazzjonali wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom fl-Istitut tal-Ligi Marittima Internazzjonali magħruf bħala IMLI bil-binja bbażata fil-campus tal-Università ta’ Malta. Tliet gradwati huma Maltin.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela kien preżenti għat-30 ċerimonja ta’ gradwazzjoni li saret fil-Mużew Nazzjonali Marittimu fil-Birgu fejn ippreżenta l-premju Maltese Goverment Prize for Best Performance in the Law of the Sea.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Ministru Carmelo Abela ltaqa’ ma’ dawn il-gradwati hekk kif ftit tal-jiem ilu dawk ġew milqugħa mill-Ministru Abela f’Palazzo Parisio, il-Belt Valletta, għad-djalogu tradizzjonali mal-gradwati tal-Istitut Akkademiku IMLI. Waqt dan id-djalogu l-Ministru Abela semma li Malta hi rikonoxxuta bħala mexxej fuq livell globali fil-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ ta’ speċjalisti minn madwar id-dinja fil-liġi marittima internazzjonali.
Il-Ministru Abela esprima sodisfazzjon li Malta llum saret kontributur ewlieni fil-formazzjoni tal-liġi tal-baħar kif nafuha llum. Qal li dan hu dovut għas-suċċess tal-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali (IMLI), ibbażat f’Malta, u li kiseb reputazzjoni eċċezzjonali fuq livell internazzjonali għal-livell ta’ kwalità għolja fir-riċerka u fit-taħriġ tal-liġi marittima internazzjonali.
Il-Ministru rrefera għall-importanza tal-qasam marittimu għal dan il-pajjiż bħala gżira fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran. Tkellem dwar id-diplomazija tal-implimentazzjoni fejn il-bini tal-kapaċità umana u l-ħiliet fil-liġi marittima internazzjonali qed isiru vitali grazzi għal istituzzjonijiet akkademiċi bħal IMLI.
Il-Ministru Abela semma l-irwol importanti tal-ministri tal-affarijiet barranin biex jassiguraw li pajjiżi minn madwar id-dinja jaħdmu flimkien għal governanza fl-oċeani fuq livell globali biex flimkien jindirizzaw l-isfidi li qed jaffettwaw l-oċeani llum.
Il-Ministru Abela assigura l-appoġġ tal-gvern lejn l-istitut IMLI f’Malta filwaqt li awgura lill-gradwati l-aqwa suċċess fil-karriera tagħhom.
IMLI joffri programmi ta’ studju sa livell ta’ dottorat fil-liġi tal-baħar. Fi 30 sena IMLI ħarreġ iżjed minn elf student minn 146 pajjiż differenti.