Il-Kunsilli Lokali tal-Marsa, Raħal Ġdid u l-Ħamrun ser jtellgħu villaġġ tal-Milied bl-isem ta’ ‘Christmas under the Bridge’ mill-ħdax sat-tletin ta’ Diċembru.
Il-villaġġ ser ikun ibbażat fil-parkeġġ biswit il-Marsa Junction, bil-proġett tal-fly-over joffri sens ta’ rabta bejn dawn il-lokalitajiet.
Kif spjega s-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, kull minn jattendi mistenni jesperjenza villaġġ mimli divertiment: “U allura ser nagħmlu villaġġ, villaġġ differenti milli s-soltu naraw f’lokalitajiet oħra, ħa jkun fuq skala ferm ikbar fejn allura ser ikollok l-akbar siġra f’Malta li ser tkun ta’ seba’ sulari, flimkien hawnhekk ser ikun hawn ukoll fejn il-Christmas Father jaħdem ir-rigali għat-tfal ser ikun hawn diversi ‘stalls’, ser ikun hawn ukoll postijiet b’palkijiet fejn ser ikollna saħansitra l-Orkestra Nazzjonali.”
Karatteristika unika ta’ dan il-villaġġ ser tkun il-parata bis-sehem ta’ karrijiet tal-Milied li ser ikunu l-ewwel tax-xorta tagħhom f’pajjiżna.
Din il-parata ser toffri spettaklu kuljum ġewwa l-Marsa kif ukoll mistennija li toħroġ mill-villaġġ u żżur il-qalba tal-lokalitajiet msemmija.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid stqarr kif din il-parata ser iżżur il-lokalità f’lejla b’kunċert mtella’ mill-Orkestra Nazzjonali flimkien mal-Banda Kristu Re: “U aħna fit-tlettax ta’ Diċembru, Raħal Ġdid ħa jkollna l-parata, parata li għall-ewwel darba f’Malta ħa ssir fejn ħa jkollna karrijiet kbar tal-Milied bil-mużika u biż-żeffiena u mbagħad wara li tispiċċa din il-parata ħa jibda kunċert b’ kolloborazzjoni mal-banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid.”
Is-Sindku tal-Ħamrun innota kif dan l-avveniment ser ikun qed jgħaqqad ma’ spettaklu ieħor li ser jittella’ ġewwa l-Ħamrun: “Bħala Ħamrun ovvjament qegħdin naħdmu għal dan iż-żmien tal-Milied biex ngħinu lin-negozji tagħna, ħafna minnhom huma negozji tal-familja. U ħa nkunu qegħdin naraw li mal-attivitajiet li diġà għamilna nkompli nagħmlu din il-ħaġa li nġibu l-karrijiet ġewwa l-Ħamrun li hija esperjenza sabiħa bħal ma jsir fil-Karnival din id-darba ser ikun fil-Milied, b’konnessjoni mal-Milied u ħa nkomplu nkabbru din l-atmosfera.”
Preżenti għat-tħabbira ta’ dan il-villaġġ kien hemm il-Ministru għall-Kultura, José Herrera, li faħħar din l-inizjattiva.
Il-biljetti għal dan l-avveniment jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas minn fuq is-sit showshappening.com, biex b’hekk l-avveniment ikun konformi mad-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.