Tliet kwarti tal-irġiel f’Malta huma meqjusa bħala li għandhom piż żejjed. Dan jirriżulta minn stħarriġ li ġie ppubblikat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, li evalwat madwar tnejn u ħamsin pajjiż fl-Ewropa.
Fir-rapport, li ġie ppubblikat it-Tlieta, il-WHO analizzat aspetti differenti tal-piż eċċessiv fl-Ewropa u ħadet f’konsiderazzjoni l-kundizzjonijiet mediċi li jaf iwasslu għal piż eċċessiv.
Fit-tieni post, wara Malta, wieħed isib lill-Iżrael, fejn sebgħin fil-mija tal-irġiel huma meqjusa bħala li għandhom piż żejjed.
Intant, in-nisa f’Malta kklassifikaw fit-tieni post. Malta hawn sittin fil-mija tan-nisa li għandhom piż żejjed meta mqabbel mal-kumplament tar-reġjun.
Huma n-nisa fl-Iżrael li kklassifikaw fl-ewwel post, bi ftit inqas minn sebgħin fil-mija. Ir-rata tinkludi wkoll lil dawk li huma kkunsidrati bħala li jaqgħu fil-kategorija tal-obeżità.