Din kienet ix-xena fil-kapitali Ġermaniża.
Ir-reġim Nażista kien waqa’.
It-tifrik qalb il-bieb ta’ Branderburg bil-forzi tal-Alleati jiġifieri primarjament dawk Sovjetiċi jegħlbu l-ftit reżistenza li kien għad fadal, 75 sena ilu ntemmet it-tieni gwerra dinjija.
Gwerra qalila li damet sitt snin u li hu stmat li mietu mat-80 miljun ruħ.
L-Istoriku Mario Farrugia spjega li għal Malta, ix-xita ta’ bombi kienet ilha li waqfet iżda fiż-żmien tat-tmiem it-tieni gwerra dinjija, jiġifieri fl-elf disa’ mija ħamsa u erbgħin, pajjiżna xorta serva bħala bażi militari importanti.
Farrugia qal, “L-Assedju tagħna kien spiċċa xi sentejn qabel wara li ġiet invaduta Sqallija u tul din il-kampanja Malta serviet bħala bażi militari importantissimu għall-Frozi Alleati illi kienu għall-ewwel darba qed jinvadu lill-Ewropa. Fil-fatt il-waqa ta’ Nażi u Faxxiżmu beda propju minn hemmek.”
Malta kienet fost l-aktar pajjiżi milqutin f’din il-gwerra bil-bombi iżda madwar id-dinja saru attroċitajiet kbar.
Farrugia spjega li minkejja li spiċċat il-gwerra fl-Ewropa, f’Malta kien għad baqa’ effetti ferm negattivi.
Hu saħaq, “F’Malta kien hawn qagħda tal-biża, pajjiż imfarrak kważi tlett snin assedju,kien hawn ġuħ kbir… Is-sitwazzjoni kienet li riedu jibdew mill-ġdid ħafna nies tilfu djarhom u bla xogħol nuqqas ta’ kollox u anke mard.”
It-tmiem tat-tieni gwerra dinjija ġiet ikkomemorata madwar id-dinja.
F’Malta, mat-tokki ta’ nofshinar ġie sparat is-salut minn tmien kanuni fil-Barrakka ta’ fuq filwaqt li telgħu għad ta’ murtali.
Fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela sellem lill-vittmi kollha ta’ din il-Gwerra u saħaq li għandna niżguraw li attroċitajiet li saru fil-passat għandhom jibqgħu fil-passat u ma jiġux ripetuti llum
Fir-Renju Unit inżammu żewġ minuti ta’ silenzju għall-vittmi kollha tat-Tieni Gwerra dinjija filwaqt li r-Reġina Eliżabbetta t-Tieni li għexet din il-Gwerra indirizzat lin-Nazzjon.
Fuq Londra għaddiet l-iskwadra tal-ajru tar-Red Arrows li taw wirja akrobatika.
Min-naħa l-oħra l-mexxejja ta’ Franza u l-Ġermanja, Emmanuel Macron u Angela Merkel poġġew kuruni tal-fjuri fuq il-monument tal-gwerra.
Il-kommemorazzjonijiet ta’ din is-sena kienu għal kollox differenti hekk kif minħabba l-imxija, it-toroq u l-pjazez ma kinux maħnuqa bin-nies.