Ftit tas-sigħat wara li Bernard Grech ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, tliet kunsilliera Nazzjonalisti f’lokalitajiet differenti ħabbru li qed jitilqu mill-partit.
Deborah Mifsud, Kunsilliera fuq Birkirkara ġiet rappurtata mis-sit lovinmalta li rriżenjat mill-Partit Nazzjonalista.
Fid-dawl li Adrian Delia m’għadux Kap Nazzjonalista, Mifsud se tkun indipendenti fil-Kunsill Lokali Karkariż.
Mas-sit lovinmalta, Mifsud qalet li Delia ma kellux jitqaċċat u kellu jibqa’ għal ħames snin.
“Ilni Nazzjonalista mit-twelid iżda issa dan il-partit lanqas jintgħaraf”, qalet Deborah Mifsud.
Żiedet tgħid, “Lawrence Gonzi kien jgħidilna li Gvernijiet Laburisti jġagħluk tistħi li int Malti, imma llum jien nistħi ngħid li jien Nazzjonalista.”
Spjegat kif Delia sab min irid jeqirdu u tfixkil kbir min-nies li huma viċin l-eks Kap Simon Busuttil.
“Għalfejn dan kollu?”, staqsiet Mifsud li saħqet li Bernard Grech qered il-karriera politika tiegħu u kellu jistenna sa wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Sostniet li mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista tilef għaxar elezzjonijiet konsekuttivi b’distakk kbir.
Intant fuq il-profil tagħha fuq facebook, Doriana Portelli, Kunsilliera Nazzjonalista fuq Birżebbuġa u xandara ta’ NET News, qalet ukoll li qed twarrab b’mod immedjat.
“Meta per prinċipju dak li jsir sfaċċatament ċar kristall quddiem għajnejja ma jkunx konformi mal-valuri li nħaddan, jien ma nitradix, jien ma nfixkel fl-ebda mixja, ma nirkeb l-ebda karru, ma nigdibx, ma nfarrak l-ebda familja, ma nkisser l-ebda individwu. Għalhekk inwarrab, u b’mod immedjat”, kitbet Portelli li hija magħrufa kemm kienet tappoġġja lill-eks Kap Adrian Delia.
Min-naħa l-oħra, Charmaine Aquilina, li tellgħet f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Marsa wkoll ħabbret li rriżenjat mill-partit u issa se tibqa’ bħala Kunsilliera indipendenti.
Fuq il-profil tagħha fuq facebook, bħal oħrajn li ħassewhom diżullużi li Delia twarrab u l-establishment ħa mill-ġdid ir-riedni tal-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Bernard Grech, Aquilina ppubblikat dak li bagħtet lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Lil Zammit Dimech qaltlu li qed tagħti r-riżenja tagħha b’mod immedjat bħala Kunsilliera Lokali fil-Marsa f’isem il-Partit Nazzjonalista u li issa se tirrappreżenta l-lokalità tagħha bħala Kunsilliera indipendenti.