Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti xeħet dawl fuq informazzjoni ġdida dwar is-serqa permezz ta’ attakk virtwali fuq is-sistemi tal-Bank of Valletta fi Frar ta’ sentejn ilu.
F’din is-serqa hu stmat li nsterqu madwar $14.7 miljun mill-bank Malti.
Stqarrija mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tispjega li fil-fatt Ramon Abbas, magħruf l-aktar għall-profil vanituż tiegħu fuq Instagram u li kien arrestat fl-Emirati Għarab Magħquda f’Ġunju li għadda, ħadem ma’ hackers militari mill-Korea ta’ Fuq sabiex jaħsel il-flus li ġew misruqa mill-BOV.
It-tliet hackers Jon Chang Hyok, Kim Il, Park Jin Hyok qed ikunu akkużati li pparteċipaw f’kumplott kriminali dinji sabiex jisirqu aktar minn €1.3 biljun dollaru fi flus u cryptocurrency minn istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji.
Dan bil-għan aħħari li joħolqu u jiżviluppaw pjattaforma tal-Blockchain.
Skont l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Ġustizzja, it-tliet hackers huma membri tal-aġenzija militari Reconnaissance General Bureau.
F’Lulju li għadda, l-Avukat ta’ Abbas, Gal Pissetzky sostna li l-klijent tiegħu ma kienx ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ddeskrivieh bħala intraprenditur li għamel dħul leġittimu mill-propjetà u l-promozzjoni ta’ reklami fuq il-profil tiegħu ta’ Instragram.
Affaċċjati b’din l-informazzjoni ġdida, il-kelliema ta’ Abbas naqsu milli jagħtu kumment.