Matul il-lejl tas-Sibt ġew ikkonfermati tliet każijiet oħra tal-Coronavirus f’pajjiżna. Fl-istess waqt raġel li rriżulta fil-pożittiv fil-jiem li għaddew fieq minn dan il-virus u ġie rilaxxat mill-Isptar għall-kwarantina mandatorja fid-dar.
Dan ifisser li issa għandna żewġ persuni li fiequ bil-coronavirus.
L-ewwel każ li ttestja fil-pożittiv matul il-lejl tas-Sibt huwa ġuvni Malti ta’ 23 sena li huwa ħaddiem tas-saħħa. Huwa ġie lura Malta minn Dublin fl-10 ta’ Marzu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li minkejja li meta kien bla sintomi r-raġel daħal għax-xogħol ir-riskju li l-virus ġie trażmess għal xi pazjenti huwa remot ħafna.
“Mill-assesjar li għamilja jidher li dan il-persuna ma kellux kuntatt mal-ebda pazjent għal iktar minn kwarta u anqas kien fl-istess kamra ma’ pazjenti oħrajn għal aktar minn sagħtejn. Allura bħal ma għedt l-indikazzjonijiet kienu biss li huma dawk il-kollegi tiegħu li kienu f’kuntatt u kellhom exposure u mill-bieraħ stess poġġejnihom fi kwarantina d-dar u ma jmorrux xogħol u ma joħorġux.”
Minn stħarriġ li sar irriżulta li kien hemm sitt kollegi li seta’ kellhom kuntatt miegħu. Dawn tpoġġew taħt kwarantina mandatorja fi djarhom.
It-tieni każ li ttestja pożittiv kien student Malti ta’ 20 sena li wasal Malta minn Dublin fl-10 ta’ Marzu. F’dan il-każ ukoll sar rintraċċar tal-kuntatt ma’ studenti oħra u mal-persuni li kienu bilqiegħda fil-fillieri viċin tiegħu fuq l-ajruplan.
Dawn kollha jinsabu fi kwarantina mandatorja.
It-tielet każ li ttestja pożittiv kien Portugiż ta’ 21 sena li jgħix hawn Malta. Huwa wasal f’Malta fl-10 ta’ Marzu u s-sintomi ħarġulu tliet ijiem wara. Mal-wasla tiegħu huwa baqa’ fi kwarantina volontarja mat-tfajla tiegħu li ttestjat fin-negattiv.
Il-Professur Gauci spjegat li sa issa kien hawn 21 każ ta’ Coronavirus f’Malta u sa issa l-ebda każ ma ġie trażmess lokalment. Il-Professur Gauci qalet li dan mhux il-mument li l-pajjiż jitpoġġa taħt lockdown.
“Is-sitwazzjoni hija mhux biss jekk għandekx local transmission imma kemm hemm local transmission, f’min qed tinfirex u kemm qed tinfirex. Din ma tistax tagħmel previdement ta’ każ tnejn jew tlieta. Eżempju jekk kellek home li kellha transmission minn persuna għall-oħra hija mod imma jekk għandek trażmissjoni mill-komunità hija sitwazzjoni oħra.”
Hija laqgħet ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li saret mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex żdiedu s-soddod tal-kura akuta f’Mater Dei u f’ċentri oħra.