Fl-aħħar sigħat feġġew tliet każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 1,137 test li saru. B’kollox kienu kkonfermati 489 każ pożittiv ta’ Covid-19 li ħarġu minn fost 40,493 test li saru. Il-każijiet l-attivi issa jgħoddu għal 65. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet ukoll li sitt persuni oħra fiequ minn din il-marda, biex issa t-total ta’ persuni mfejqa jgħodd l-419. L-età ta’ dawn il-pazjenti tvarja bejn l-għaxar u d-89 sena
Fost il-każijiet ikkonfermati l-Ġimgħa hemm Maltija ta’ 27 sena flimkien ma’ binha li kienu diġà fi kwarantina għax kienu f’kuntatt ma’ qraba ta’ pazjent li rriżulta fil-pożittiv diġà.
Għawdxi ta’ 34 sena wkoll irriżulta fil-pożittiv wara li sarlu test minkejja li ma kellux sintomi. L-Awtoritajiet tas-Saħħa għaddejjin bl-intraċċar tal-kuntatti tiegħu.
Hawnhekk il-Professur Gauci spjegat għalfejn l-użu tal-maskri fil-pubbliku, speċjalment fl-istabbilimenti, huwa daqstant kruċjali, għaliex “il-pori tal-maskra ma jħallux il-mikrobi jgħaddu, allura jekk kulħadd jilbes il-maskra nipproteġu l-xulxin. Ir-resposabbiltà hija ħafna akbar għaliex il-maskra tiegħi se tipproteġi lilek u l-maskra tiegħek se tipproteġi lili.”
Spjegat ukoll li minkejja li mat-13% tal-każijiet li rriżultaw fil-pożittiv ma wrew l-ebda sintomi, bil-koperazzjoni tal-pubbliku xorta żammejna sitwazzjoni stabbli b’rabta mal-pandemija:
“Aħna rnexxielna nżommu s-sitwazzjoni stabbli, bil-mod u bil-għaqal, u l-miżuri kollha ddaħħlu u ġew irrilaxxati b’evidenz. Jekk kulħadd jimxi skont il-liġijiet nibqgħu mixjien tajjeb fil-kontroll tal-pandemija.”