Anzjan ta’ 72 sena li kien infettat bil-Coronavirus u li kien fuq il-ventilatur fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar Mater Dei, intbagħat lura d-dar hekk kif mar tajjeb ħafna fil-kura li rċieva.
Ħabbret dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci hekk kif spjegat li dan l-anzjan kien ilu sitt ġimgħat l-isptar u għamel xi żmien f’qagħda kritika.
Hija spjegat: “Hija aħbar tajba għaliex aħna naraw li għandna persuna li huwa anzjan li propju wkoll kellu bżonn l-assistenza fl-ITU tagħna ta’ Mater Dei. Hemmhekk b’ħidma tajba ħafna minn nies kollha ta’ Mater Dei, il-kliniċi, s-sapport, in-nurses kollha ta’ madwaru. Hemmhekk dan il-pazjent irnexxielu jgħaddi din il-battalja tant li hu tajjeb biex imur id-dar.”
Intant il-Professur Gauci qalet kif fl-aħħar sigħat feġġew 3 każijiet ġodda ta’ Covid-19 biex b’hekk in-numru ta’ każijiet f’Malta tela’ għal 506 minn fost 1,241 test.
Il-każijiet attivi bħalissa jammontaw biss għal 67 u b’kollox mindu faqqgħet il-pandemija saru 44,655 test.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll li fil-jum tat-Tlieta ma kien hemm l-ebda każ ta’ fejqan. Dan fil-kuntest li n-numru ta’ każijiet attivi issa huwa baxx ħafna u allura l-każijiet ta’ persuni li fiequ tbaxxa wkoll.
L-ewwel każ pożittiv kien ta’ Malti ta’ 58 sena li kellu kuntatt ma’ żewġ każijiet oħra li rriżultaw fil-pożittiv fil-passat.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Propju dan il-każ lanqas kellu l-ebda sintomi u għalhekk huwa importanti ħafna li aħna nagħmlu il-contact tracing ħalli jekk ikun hemm nies li jistgħu joħorġulhom is-sintomu u jkunu infectious.”
Iż-żewġ każijiet l-oħra huma relatati ma’ każ li rriżulta fil-pożittiv f’sala fl-isptar Mater Dei.
Dawn jinvolvu ħaddiem fil-qasam tas-saħħa ta’ 54 sena u mara oħra ta’ 44 sena li wkoll taħdem fil-qasam tas-saħħa. Fi tweġiba lill-ġurnalisti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li b’kollox 30 ħaddiem tas-saħħa fl-isptar Mater Dei ġew infettati bil-virus.
Il-Professur Gauci aċċennat għal xejriet pożittivi li ħarġu minn din l-imxija hekk kif pajjiżna kkontrolla sew it-tixrid tal-virus iżda saħqet li l-prekawzjonijiet jibqgħu.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/12/l-anzjan-li-kien-l-itu-fuq-ventilatur-intbaghat-id-dar-wara-li-rkupra-sew/