Fl-aħħar 24 siegħa feġġew tliet każijiet ġodda ta’ persuni infettati bil-Coronavirus f’pajjiżna, minn fost 292 test, biex issa t-total ta’ każijiet f’Malta tela’ għal 110.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, saħqet li n-numru żgħir ta’ każijiet ġodda ma jfissirx li s-sitwazzjoni qalbet għall-aħjar u appellat biex kulħadd jibqa’ jsegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Prof. Charmaine Gauci stqarret: “Din hija sitwazzjoni li m’għandniex nieħu li isma’, issa s-sitwazzjoni li neżlin il-każijiet. Huwa ’l bogħod minn dan, dawn huma ġranet fil-bidu ħafna tas-sitwazzjoni tagħna u bħalma rajtu anki l-ġimgħa l-oħra, ma kienx l-ewwel darba li kellna ftit każijiet imbagħad il-ġurnata ta’ wara kellna numru ta’ każijiet oħra.”
It-tliet każijiet ġodda huma kollha impurtati.
L-ewwel każ huwa ta’ tfajla Maltija ta’ 20 sena li kienet tgħix Londra u ġiet Malta fit-18 ta’ Marzu.
Każ ieħor huwa ta’ tfajla oħra Maltija ta’ 20 sena li kienet Londra bejn l-erbgħa u d-disgħa ta’ Marzu. Hija studenta Universitarja li kienet imsiefra ma’ grupp ta’ studenti oħra li fih kien hemm xi ħadd li rriżulta fil-pożittiv ukoll fl-aħħar sigħat. Hija marret lecture l-Università fl-għaxra ta’ Marzu, ġurnata qabel bdiet bis-sintomi, u bħalissa qed jiġu identifikati u infurmati studenti li seta’ kellhom kuntatt magħha.
It-tielet każ huwa Amerikan ta’ 49 sena li jgħix Malta u li kien l-Awstrija bejn il-11 u l-14 ta’ Marzu. Huwa beda bis-sintomi erbat ijiem wara li ġie lura u obda r-regoli tal-kwarantina.
Il-pazjenti kollha jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Dwar l-anzjan ta’ wieħed u sittin sena li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Gauci qalet li s-sitwazzjoni tiegħu għadha instabbli iżda qed jiġi segwit mill-qrib u qed jingħata t-trattament meħtieġ.
Dwar l-ittestjar f’pajjiżna, il-Professur Gauci rrimarkat li Malta hija fost il-pajjiżi li l-aktar qed jagħmlu testijiet fl-Ewropa.
Hija kompliet tispjega: “Aħna, mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, qegħdin it-tielet post, it-tielet pajjiż, li qegħdin nagħmlu l-iktar testing per capita tal-persuni. Dan huwa sinjal tajjeb ħafna, hija strateġija li aħna ħadna għaliex irridu naqbdu l-każijiet kollha pożittivi biex niżolawhom, nagħmlu l-contact tracing u nagħmlu l-kwarantina.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li għalkemm jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa, ħadd iktar minn dawk li rriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus ma ttestjaw darbtejn fin-negattiv għat-test, u għaldaqstant għadhom biss tnejn dawk li fiequ kompletament mill-virus.
Reġgħet tenniet l-appell biex il-kuntatt man-nies ma jsirx, u ħadd ma joħroġ mid-dar bla bżonn.
Hija saħqet: “Għadna bidu, il-curve għadha tiela’ ’l fuq allura rridu nibqgħu nżommu mal-mezzi ta’ iżolazzjoni kemm nistgħu, ma nagħmlux kuntatt ma’ ħaddieħor, inżommu biss mal-familja tagħna, appell għall-employers biex jibagħtu n-nies id-dar jaħdmu mid-dar fejn jistgħu u ma noħorġux għal xejn b’xejn imma noħorġu biss għall-affarijiet li huma essenzjali.”