Il-Partit Laburista għandu tliet kontestanti għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.
Meta l-Ħamis filgħaxija għalqu n-nomini kienu l-Ministri Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna li tefgħu n-nomina tagħhom għal dik li hi t-tieni l-iktar kariga importanti fil-Partit Laburista.
Kariga li tfisser ukoll li min iservi fiha jservi ta’ deputat Prim Ministru.
Din l-elezzjoni hija meħtieġa wara li Louis Grech, illum konsulent tal-Prim Ministru fil-kabinett, ma kkontestax l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-votazzjoni ssir waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tibda titlaqqa’ l-Ħamis, tlettax ta’ Lulju, fejn se jkun hemm diskors mill-Prim Ministru, li mistenni jniedi l-prioritajiet ta’ ħidma tal-Gvern Ġdid għall-ewwel parti ta’ din it-tieni leġislatura.
Nhar il-Ġimgha, erbatax ta’ Lulju ssir il-votazzjoni u f’każ li jkun ħadd mit-tliet kandidati għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament ma’ jikseb ħamsin fil-mija u wieħed (50%+1) tal-voti validi mitfugħa, issir votazzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla numru ta’ voti l-għada s-Sibt, ħmistax ta’ Lulju.
Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis intlaqgħu ukoll nomini għal karigi kollha eletti tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, hekk kif mitluba mill-istatut tal-istess partit. Tefgħu n-nomina Daniel Micallef għall-kariga ta’ President, Louis Gatt għall-kariga ta’ Viċi President, William Lewis għall-kariga ta’ Segretarju Organizattiv u Marc Vella Bonnici għal Segretarju Internazzjonali.
Fil-konferenza ġenerali jrid isir ukoll vot sigriet ta’ fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, u fid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona. Dan ukoll kif mitlub mill-istatut.