Żewġ kaċċaturi wieħed ta’ għoxrin sena u ieħor ta’ sebgħa u erbgħin sena, it-tnejn minn Ħal Għaxaq mistennija jitressqu l-qorti wara li l-bieraħ inqabdu f’attività ta’ kaċċa illegali fi staġun magħluq fl-inħawi ta’ Ħal Għaxaq.Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-irġiel inqabdu għall-kaċċa għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija waqt ħidma mis-Sezzjoni tal-Administrative Law Enforcement.
Aktar tard ilbieraħ stess, ġie arrestat raġel ieħor ta’ 42 sena, li nubb Ħal Għaxaq u li kien qiegħed għall-kaċċa fi staġun magħluq u kien ukoll qed jagħmel użu minn arma tan-nar immodifikata.
Aktar investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u l-persuna ser jitressaq il-Qorti aktar ‘il quddiem.
Intant is-sezzjoni tal-infurzar tal-Wild Birds Regulation Unit flimkien mal-Pulizija tal-ALE wettqu 3,209 spezzjoni madwar Malta (2,496) u Għawdex (713) fl-ewwel 12-il jum tal-istaġun b’xejn anqas minn 80 uffiċjal jagħmlu xogħol ta’ sorveljanza bil-għan illi filwaqt li jservu ta’ deterrent josservaw li l-liġijiet u r-regolamenti jiġu osservati.
L-ALE wettqu wkoll 354 spezzjoni fit-toroq bil-għan illi jiġu vverifikati obbligi legali tal-liċenzja speċjali u regolamenti oħra relatati mal-ġarr tal-armi. Ġew spezzjonati ukoll 338 kaċċatur (257 Malta u 81 Għawdex).
Waqt li kienu qegħdin isiru dawn l-ispezzjonijiet tneħħew ukoll numru ta’ decoys tal-gamiem peress li dawn mhumiex permessibbli f’dan iż-żmien.
Bħalissa l-pulizija qiegħda tinvestiga rapporti dwar qtil ta’ gamiema.