Il-Papa Franġisku qed jevalwa tliet ismijiet ta’ saċerdoti li jistgħu jibdew iservu fil-kariga ta’ Isqof t’Għawdex ġaladarba L-Isqof uxxenti Mario Grech jibda jservi bħala segretarju tas-sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan.
Il-gazzetta Kulħadd irrappurtat li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jitħabbar min se jkun l-Isqof il-ġdid tad-djoċesi t’Għawdex.
Bħalissa huwa l-Isqof Mario Grech li għadu qed jamministra l-ħtiġijiet tad-djoċesi, iżda mkejjen viċin in-Nunzjatura kkonfermaw li n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico bagħat il-Vatikan tliet ismijiet li minnhom irid jintgħażel wieħed.
In-Nunzju Appostoliku, huwa obbligat li jibgħat tliet ismijiet lill-Vatikan biex minnhom jintgħażel l-Isqof il-ġdid. Biex jagħmel dan ikun ikkonsulta mal-Isqof u persuni oħra li jkunu midħla tad-djoċesi.
Ġaladarba dan isir, tibda konsultazzjoni dwarhom mal-Isqfijiet u ma’ persuni qrib il-Knisja tal-pajjiż bil-għan li d-deċiżjoni li tittieħed tkun l-iktar waħda mgħarrfa u infurmata.
L-Isqof Mario Grech ħabbar li kien se jieqaf minn Isqof ta’ Għawdex f ’Ottubru, wara li ngħata inkarigu importanti fis-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan.
Fl-aħħar ġimgħat issemmew diversi ismijiet, iżda dawn ma kinux ikkonfermati mill-istess sorsi li kkonfermaw li t-tliet ismijiet qegħdin għand il-Vatikan.
Intant, mhux kull saċerdot jista’ jsir Isqof. Isqof ma jistax ikollu anqas minn 35 sena u jrid ikun ilu qassis minn tal-inqas ħames snin. Isqof irid ikollu wkoll rekwiżiti akkademiċi sodi u jkun mgħarraf u studja sew suġġetti li għandhom x’jaqsmu mal-moralità u d-duttrina tal-Knisja.