Tliet irġiel mill-Gambja inżammu arrestati wara li nstabu fil-pussess tas-sustanza kannabis għal skop tat-traffikar.
It-tliet irġiel, Alhagie Jobe ta’ 24 sena, Nfamara Ceesay ta’ 24 sena u Kemo K Nybally ta’ 27 sena, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur John Leigh Howard u l-Ispettur, Mark Anthony Mercieca spjegat kif l-imputati ġew arrestati ġewwa appartament fi Triq il-Baħħara, fil-Qawra nhar is-6 ta’ Jannar, wara suspett ta’ attività kriminali mill-Pulizija.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Noel Bartolo, intqal kif bejn iż-żewġt irġiel instabu madwar 200 gramma kannabis, fosthom moħbija f’sufan, filwaqt li l-ieħor kien jikkordina kollox bil-mobile.
Id-difiża, mmexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop, m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest iżda appellat sabiex jitressqu x-xhieda mill-aktar fis.