Wara jiem ta’ osservazzjoni, tard ilbieraħ filgħaxija fil-lokalita’ ta’ Wied il-Għajn, il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga wettqet rejd ġo stabbiliment fi Triq il-Qaliet, minn fejn ġew arrestati żewġt irġiel Serbi ta’ wieħed u erbgħin sena u ieħor ta’ sebgħa u tletin sena li t-tnejn joqogħdu Malta.
Is-Serbi kienu qed jikkunsmaw id-droga, allegatament kokaina, fit-toilet tal-istess lokal.
Fl-istess waqt il-Pulizija arrestat raġel ta’ erba’ u ħamsin sena minn Ħaż-Żabbar li jieħu ħsieb l-istabbiliment,
Moħbija taħt is-sink, bl-assistenza tal-klieb fi ħdan is-sezzjoni tal-k9 tal-Korp talPulizija, instabu xi biċċiet raza tal-kannabis, madwar 47 gramma sustanza allegatament kokaina u 55 gramma sustanza allegatament pjanta tal-kannabis, flimkien ma’ miżien eletroniku u affarijiet oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti ġo diversi boroż tal-plastik fis-safe tal-istess stabbiliment u anke fir-residenza tal-istess operatur tal-istabbiliment.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Estrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta.
It-tliet irġiel qed jinżammu mill-Pulizija taħt arrest sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-iskwadra ta’ kontra l-vizzju tad-droga, flimkien mal-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus, fi ħdan is-sezzjoni ta’ kontra r-reati ekonomiċi tal-Korp tal-Pulizija.