Żewġ Taljani ta’ 44 u 40 sena u Albaniż ta’ 40 sena ġew arrestati b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga. It-tlieta li huma allegatament jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata.
Mill-investigazzjonijiet intensivi li għamlet, fl-aħħar jiem, il-Pulizija ġabret informazzjoni li kien se jsir trasferiment ta’ droga f’pajjiżna.
Kmieni s-sibt filgħodu il-Pulizija bdiet osservazzjoni fuq vettura li fiha kien hemm Taljan ta’ 44 sena.
Wara xi ħin, il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura f’San Pawl il-Baħar u minn tfittxija f’basket nstabu għaxar pakketti li b’kollox jammontaw għal għaxar kilos (10kg) sustanza suspettata droga kokaina. Fl-istess ħin, il-Pulizija kompliet bl-osservazzjoni fuq iż-żewġ persuni l-oħra, fejn dawn ġew arrestati ftit tal-ħin wara f’Ħal Qormi.
Mill-investigazzjonijiet jidher li d-droga misjuba għandha valur ‘il fuq minn €1.3 miljun fis-suq. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-Maġistrat tal-għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
It-tlett irġiel jinsabu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri ġenerali, fil-Floriana u ser jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.