Tliet irġiel Indjani, li kienu akkużati li sawtu raġel ieħor li kien joqgħod magħhom, ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li s-sidien tal-postijiet infurmaw lill-Qorti li se jkunu qed iżommuhom bħala inkwilini.
Il-każ seħħ fit-13 ta’ Awwissu li għadda u allegatament it-tliet imputati sawtu raġel ieħor li kien joqgħod magħhom wara li qalilhom li kienu qed jagħmlu l-istorbju.
Allegatament huma kienu qed jixorbu.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, is-sidien tal-proprjetajiet fejn kienu joqgħodu l-imputati xehdu fil-Qorti li l-istess imputati qatt ma qalgħu problemi.
Il-ħelsien mill-arrest tal-imputati ngħata fuq depożitu ta’ €100 u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed. Huwa ġew ordnati wkoll jinġabru f’darhom fil-ħin stipulat filwaqt li ċedew il-passaporti tagħhom.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma, filwaqt li ordnat lill-imputati ma jikkuntatjawhx u ma jersqux qribu.
Espert mediku ġie appuntat ukoll sabiex jeżamina l-vittma u jiddokumenta kwalunkwe ġrieħi li sofra.