Il-proġett ġdid ta’ New water ser jipproduċi madwar 7 miljun metru kubu t’ilma ġdid ta’ kwalità għolja ħafna biex jintuża għas-setturi tal-agrikoltura, u għall-industrija, f’pajjiżna.
Ilma ġdid ta’ kwalitá għolja għas-setturi tal-agrikoltura u l-industrija f’pajjiżna
Il-proġett ser ikun jinkludi tliet impjanti madwar Malta u Għawdex, li permezz tagħhom ser jiġi ġġenerat dan l-ilma ġdid. Dan qalu l-Ministru Konrad Mizzi waqt il-ftuħ ta’ seminar dwar is-suġġett tal-ilma, li ġie imtella’ miċ-Ċentru għat-teknoloġija aktar nadifa, il-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-Ilma b’kollaborazzjoni mal-UNESCO World Water Programme, u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif is-settur tal-konservazzjoni tal-ilma dejjem qajjem ċertu sfidi minħabba iċ-ċokon ta’ pajjiżna.
Madanakollu, dawn l-isfidi qajmu opportunitajiet ġodda biex Malta tkun minn tal-ewwel biex tinvesti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda fis-settur tal-konservazzjoni tal-ilma. Huwa semma’ diversi proġetti li saru f’Malta matul is-snin, filwaqt li semma’ dan il-proġett ta’ New Water li ser jiġi mniedi matul din is-sena.
Il-Ministru Konrad Mizzi tenna wkoll dwar l-importanza tal-edukazzjoni f’dan is-settur, u għalhekk il-Gvern qiegħed jaħdem fuq Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma fin-Nigret ġewwa r-Rabat. Huwa qal li dan il-proġett issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu, u ser ikun ikkumplimentat bi programm edukattiv dwar il-konservazzjoni tal-ilma.
Dan is-seminar ġie indirizzat ukoll mill-Professur Uhlenbrook, koordinatur tal-Water Assesment Programme tan-Nazzjonijiet Magħquda, li faħħar ix-xogħol tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma għax-xogħol siewi tagħha fis-settur tal-konservazzjoni tal-ilma.