Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tliet imħallfin li se jmexxu l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet serji ppubblikati f’gazzetta indipendenti dwar “Money laundering investigation was not persued when Fenech Adami’s name cropped up”.
L-Imħallef Emeritu Joseph D. Camilleri se jkun iċ-Chairman ta’ din l-inkjesta, waqt li l-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Philip Sciberras se jkunu membri ta’ din l-inkjesta li trid titlesta sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Jannar, 2017.
L-allegazzjonijiet li se jiġu investigati huma li l-awtoritajiet pubbliċi Maltin naqsu milli jikkoperaw u żammew mill-awtoritajiet Olandiżi informazzjoni li kienet fil-pussess tagħhom, u li ġiet mitluba lilhom mill-awtoritajiet Olandiżi b’rabta ma’ ħasil ta’ flus b’konnessjoni mad-drogi.
L-inkjesta trid tara wkoll jekk jirriżultax, kif allegat fil-mezzi tax-xandir, li numru ta’ kumpaniji, uħud minnhom stabbiliti f’Malta, wettqux attività finanzjarja suspettuża u li kienet tinkludi wkoll kommissjoni ta’ transazzjonijiet kontra l-liġi. U jekk, fid-dawl ta’ dan, kienx hemm istituzzjonijiet pubbliċi li ma investigawx din l-attività illeċita.
Filwaqt li l-imħallfin se jeżerċitaw is-setgħat tagħhom waħedhom, il-Gvern huwa dispost li jagħtihom is-sostenn loġistiku kif ikun meħtieġ u mitlub minnhom.
Hawn tista’ tara wkoll l-ittra li permezz tagħha l-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lit-tliet imħallfin, skont artiklu 4 tal-Att dwar l-Inkjesti.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/10/pr162209c.pdf”]