F’toqba mħaffra fil-blat, viċin il-Rinella, fiż-żona ta’ Ricasoli, seħħet l-istorja tal-biża’ ta’ Natalie Williams li nżammet ostaġġ għal tlett ijiem, lejl u nhar, bil-ġuħ u bl-għatx.
Kien il-Ġimgħa 27 t’Ottubru li l-mara telgħet fil-karozza ma’ dak li kien ir-raġel tagħha. Forsi ftit kienet taf x’kien se jkun id-destin tagħhha. Roddy baqa’ sejjer biha f’dan il-post abbandunat u mwarrab, mill-inqas 500 metru ’l bogħod mill-eqreb residenza. Hemmhekk il-mara sofriet l-allegat każ ta’ vjolenza domestika, f’dak li qed jitqies bħala attentat ta’ qtil. Natalie nstabet biss it-Tnejn ta’ wara, mitlufa minn sensiha, wara li r-raġel kellu jammetti fejn kien ħeba lill-mara tiegħu wara li ġie affaċċjat mill-qraba tagħha u mill-pulizija.
L-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, bl-istħarriġ tal-ispetturi Paula Ciantar u Josric Mifsud u numru ta’ esperti oħra, semgħet fit-tul lill-mara fl-Isptar Mater Dei fejn ingħatat kura din il-ġimgħa u issa tinsab f’kundizzjoni tajba.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu lill-KullĦadd li l-mara rrankontat kif ir-raġel qatta’ t-tlett ijiem dieħel u ħiereġ ħdejha. Kien jitlaq minn fuq il-post u jerġa’ jirritorna. Quddiemha kien ipejjep id-droga eroina minnhom fuq foil tal-aluminium u hemmhekk l-imġiba tiegħu kienet tinbidel għall-agħar.
Kien jidħol ħdejha wkoll biex jinqeda sesswalment waqt li kien qed iżommha kontra l-volontà tagħha. Fil-fatt, jirriżulta li Roddy Williams allegatament stupra lill-mara tiegħu mill-inqas darba f’din il-kamra taħt l-art.
Il-KullĦadd hija infurmata li r-raġel dejjem ilmenta li t-tort tal-falliment taż-żwieġ tiegħu kien ta’ missier il-mara u l-ulied li kellha miż-żwieġ ta’ qabel. Darba minnhom, filwaqt li Natalie kienet ostaġġ, għamlilha biċċa ħġieġa m’għonqa. Minkejja li ħalliex feriti, ir-raġel ftaħar li ried jagħmel l-ikbar funeral f’Malta ta’ familja waħda. Heddidha li joqtol lil missierha, lil uliedha u fl-aħħar lilha biex il-mara tkun rat kollox quddiem għajnejha.
F’ritratt li Roddy għandu fuq il-profil tiegħu fuq Facebook jidher li qed iżomm l-armi f’idejh. Jirriżulta li dik kienet xena barra minn Malta għaliex ir-raġel kien baħħar u għalhekk kien ikollu aċċess għall-armi fuq il-vapur bħala prekawzjoni kontra piraterija. Fil-kummenti taħt dan l-istess ritratt, Roddy kien lest jeħodha ma’ kull min ma jħallihx bi kwietu.
Kien diġà deportat
Dan ma kienx l-ewwel każ ta’ vjolenza domestika minn Roddy Williams fuq din l-istess mara.
Sentenza li ngħatat fid-9 ta’ April tal-2011 mill-Maġistrat Doreen Clarke sabet lir-raġel ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq Natalie, li dak iż-żmien kienet għadha mhux il-mara tiegħu, waqt li kien fis-sakra. Dakinhar ir-raġel kien ikkopera mal-pulizija u ammetta l-akkużi kontrih. Il-Qorti kien ikkundannatu għal 6 xhur priġunerija sospiżi għal sentejn, u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Natalie u l-familja tagħha għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni kienu eżerċitaw id-dritt li tagħtihom il-liġi li jiddeportaw lir-raġel.
Ġara iżda li 7 xhur wara Roddy irritorna Malta u beda jgħix ma’ Natalie. Il-koppja żżewġet madwar sentejn u nofs ilu.
Proċess ta’ separazzjoni
Il-problemi ma waqfux maż-żwieġ għaliex il-mara baqgħet tiġi mhedda. Din il-gazzetta hija infurmata li Natalie dejjem ingħatat protezzjoni meta talbet l-għajnuna mill-pulizija.
F’Awwissu li għadda l-mara ddeċidiet li tibda l-proċeduri tas-separazzjoni. Ir-raġel iżda rrifjuta li jmur għall-medjazzjoni li jsir fil-bidu ta’ dan il-proċess.
L-Erbgħa li għadda Roddy Williams tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużat fost oħrajn b’attentat ta’ qtil, stupru, li żamm persuna kontra r-rieda tagħha u li kkawżalha ġrieħi gravi. Huwa ċaħad dawn l-akkużi iżda l-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukat Franco Debono li qed jidher għall-akkużat.
Id-difiża argumentat li l-mara biddlet il-verżjoni tagħha dwar l-istorja għaliex l-ewwel qalet li kienet mhedda biex tmur fuq il-post fil-Kalkara, imbagħad qalet li kienet ftiehmet mar-raġel li tmur jiltaqgħu. Il-Qorti wieġbet li, anke jekk il-vittma kienet aċċettat li tiltaqa’ mar-raġel, xejn ma jiġġustifika li nżammet f’post taħt l-art kontra l-volontà tagħha mingħajr ikel u xorb.