“L-organizazzjonijiet li joffru għajnuna soċjali f’oqsma differenti għandhom ikomplu jingħataw is-sostenn meħtieġ, mhux biss sostenn finanzjarju imma anke’ sostenn materjali li jista’ jagħmel differenza kbira.” Qalet dan l-MEP Maltija Miriam Dalli wara żjara li għamlet fi tliet organizazzjonijiet soċjali f’Għawdex.
Miriam Dalli kienet qed iżżur Dar Arka f’Għajnsielem, OASI Foundation u Dar Emmaws fir-Rabat Għawdex, li jipprovdu servizzi ta’ kura lill-persuni b’diżabilità, persuni bil-vizzju tad-droga, persuni mingħajr saqaf fuq rashom u vittmi ta’ vjolenza domestika rispettivament.
“Is-servizz offrut f’dawn l-istituzzjonijiet hu tal-ogħla livell. Stajt nara li kull min jieħu ħsieb il-persuni f’dawn it-tliet istituzzjonijiet kienu kollha mħarrġa, kwalifikati u b’dedikazzjoni kbira għal xogħolhom. Fortunatament, is-sens ta’ volontarjat għadu b’saħħtu wkoll,” sostniet Miriam Dalli.
Waqt żjara li għamlet f’Dar Arka f’Għajnsielem, Dalli rat kif servizzi fil-komunita’ qed iħallu riżultati pożittivi.
“L-investiment li qed tagħmel Dar Arka biex persuni b’diżabilità jinqalgħu mill-istituzzjonijiet u joħorġu fil-komunità huwa eżempju li jrid ikompli jinfirex. Pożittiv ħafna l-investiment li qed tipprova tagħmel Dar Arka biex ikollha saħansitra t-tieni dar fil-komunità, fejn persuni b’diżabilità fiżika u mentali jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti u bl-assistenza meħtieġa,’ irrimarkat l-MEP Laburista.
Dalli rat ukoll l-investiment li qed isir mill-Fondazzjoni OASI, li ilha aktar minn 25 sena tagħti kura speċjalizzata biex persuni jeħilsu mill-vizzju tad-droga.
“Nies bħal Dun Manuel Cordina huma xhieda ħajja ta’ kif servizzi innovativi u personalizzati jistgħu joffru opportunita oħra lill-persuni li jinħakmu mill-vizzju tad-droga. Il-mod kif żviluppat Fondazzjoni Oasi, bi staff professjonali u programmi individwali, minkejja l-bosta sfidi finanzjarji, qed jgħin ħafna mhux biss biex jindirizza l-problema imma anke’ biex jipprevjeni l-każijiet,” sostniet Miriam Dalli.
Fl-aħħarnett, Dalli żaret Dar Emmaus, l-ewwel dar ta’ kenn għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u li issa se tibda tilqa’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Hemm iltaqgħet mal-carers imħarrġa u l-amministrazzjoni tad-dar.
“Filwaqt li fl-aħħar snin rajna progress sostanzjali, fadal aktar xi jsir fuq problemi soċjali f’Għawdex. F’dan ir-rigward, Dar Emmaus saret riżors prezzjuż għal każijiet ta’ vjolenza domestika u issa anke għal persuni li m’għandhomx fejn jorqdu,’ temmet tgħid Miriam Dalli.