Tliet ġuvintur ma nstabux ħatja li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq wiċċ ġuvni ieħor, li allegatment beda jimbotta u jkun agressiv ma’ tfajla.
Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ f’Jannar tal-2019 f’Paceville, meta t-tliet ġuvintur kienu ġewwa stabbiliment tad-divertiment.
Il-vittma qal li kellu argument ma’ tfajla, meta ġie fuqu wieħed li ma jafx, u pprova jindaħal. Qal li huwa qallu biex ma jindaħalx, u dan tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu.
Qal li mbagħad bdew ġejjin fuqu xi sitt persuni oħra, u hu ħarab taħt scaffolding. Qal li hawn daruh u beda jaqla’ d-daqqiet.
L-akkużati ċaħdu li daħlu għalih taħt l-iscaffolding u bdew jagħtuh bil-ponn, u qalu li raw ċorma nies jiġġieldu mal-ġuvni u ma jafux min huma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, innutat li skont ix-xhieda kollha, il-ġuvni ma kellu l-ebda feriti f’wiċċu qabel ma daħal taħt l-iscaffolding, u li ma kienx ċert min tah id-daqqa li kisritlu mnieħru.
It-tliet ġuvintur għalhekk ġew meħlusa mill-akkużi.