Il-ministru tas-saħħa tal-Libanu ħabbar li f’attakk minn Iżrael kmieni dalgħodu ta’ lanqas tliet ġurnalisti sfaw maqtula filwaqt li ndarbu diversi oħrajn waqt li kienu reqdin f’guest houses użati mill-midja f’Hasbaya fin-Nofsinhar tal-Libanu.
Fi stqarrijiet separati intqal li dawk maqtula huma l-camera person Ghassan Najjar u l-inġinier Mohamed Reda mill-istazzjon tal-aħbarijiet pro Iranjan Al-Mayadeen u l-camera person Wissam Qassem li kien jaħdem mal-midja tal-Hezbollah Al-Manar.
Dan l-attakk jimmarka l-aktar ġurnata mdemmija għall-midja minn sena li ilhom li bdew l-ostilitajiet bejn il-militar Iżraeljan u l-milizja tal-Libanu Hezbollah.
Ma kien hemm l-ebda stqarrija minn Iżrael li b’mod ġenerali qed jiċħad li attakka l-ġurnalisti intenzjonalment.
Ħames ġurnalisti s’issa kienu rrappurtati maqtula f’attakki oħra li seħħu minn Iżrael fil-Libanu matul dan il-kunflitt.