Gudja United kisbu rebħa meritata u tliet punti prezzjużi meta għelbu l-isfida ta’ Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-0, bit-tliet goals għalihom jaslu proprju fit-tieni taqsima.
Kienu Gudja li ħoqlu l-ewwel periklu fit-22 minuta meta freekick ta’ Matias Muchardi ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper tal-Luċjani, Matthew Calleja Cremona. Santa Lucia wieġbu man-nofsiegħa logħob meta xutt ċentrali ta’ Yevhennii Terzi ġie salvat mingħajr tbatija mill-goalkeeper ta’ Gudja, Glenn Zammit.
Fl-40 minuta, Gudja kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta Robert Bairam approfitta minn ħarga erratika ta’ Calleja Cremona li ma laqatax il-ballun, iżda kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jgħaddi jħakkek mal-wieqfa, bil-Luċjani jeħilsuha ħafif.
Fl-44 minuta Gudja pprotestaw għall-penalty meta Vito Plut kellu x-xutt tiegħu salvat minn mal-art minn Calleja Cremona biex l-istess goalkeeper waqqa’ lil Nagamatsu hekk kif dan kien se jindirizza x-xutt tiegħu lejn il-lasti avversarji madankollu, l-assistant referee Mark Ciantar innota offside.
Jidher li t-team talk tal-kowċ Taljan ta’ Gudja, Andrea Agostinelli, ħalliet l-effett mixtieq hekk kif fil-51 minuta huma fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn kross ta’ Karl Micallef, Tatsuro Nagamtsu, ikkontrolla tajjeb il-ballun b’sidru qabel venven xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Calleja Cremona.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-77 minuta rebħu penalty meta Matias Muchardi twaqqa’ fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Vito Plut li permezz ta’ xutt ċentrali tefa’ ġewwa, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.
Gudja ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal fit-83 minuta meta Matias Muchardi għadda tajjeb lejn Tatsuro Nagamatsu li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Referee:- Matthew Degabrielle
Player tal-Logħba: Tatsuro Nagamatsu