Fl-Al Janoub Stadium, kellna l-ewwel logħba tal-ġurnata, dik minn Grupp Ġ, bejn il-Kamerun u s-Serbja, li ntemmet fi draw ta’ 3-3.
Fid-29 minuta, wasal l-ewwel gowl tal-Kamerun, meta Jean-Charles Castelletto faċilment tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud, qabel tmiem l-ewwel taqsima, Dusan Tadic ikkrossja fil-kaxxa u sab lil Strahinja Pavlovic li bir-ras skorja l-gowl tal-1-1.
Żewġ minuti wara s-Serbi skorjaw ukoll it-tieni gowl, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Sergej Milinkovic-Savic li għeleb għal kollox lill-gowlkiper avversarju.
Fit-53 minuta, wasal it-tielet gowl tas-Serbja, meta f’azzjoni ferm perikoluża, Aleksander Mitrovic bla ebda diffikultà għeleb lil Devis Epassy.
FL-64 minuta, Vincent Aboubakar skorja t-tieni gowl tal-Kamerun bi ġmiel ta’ lob b’siequ l-leminija. Ir-referi kellu jikkonsulta l-VAR, iżda ma biddilx fehmtu u kkonferma li l-gowl kien regolari.
Fis-66 minuta, il-Kameruniżi wettqu kontrattakk, li minnhu Eric Maxim Choupo-Moting skorja t-tielet gowl għal pajjiżu f’din il-partita.
Mill-istess grupp, fl-iStadium 974, fil-17:00 jilagħbu l-Brażil u l-Iżvizzera.
Fis-14:00 , minn Grupp H, fl-Education City Stadium, jilagħbu l-Korea t’Isfel kontra l-Ghana. Mill-istess grupp, fit-20:00 ikollna l-konfront bejn il-Portugall u l-Urugwaj.
Ritratt: Neil Hall/EPA.