- L-għażla biex aktar persuni b’diżabbiltà qed igawdu mill-proġett Soċjetà Ġusta
Il-proċess biex jiġi determinat min se jintgħażel biex jgħix fir-residenzi li qed jinfetħu għall-persuni b’diżabbiltà fil-komunità jinqasam fi tliet fażijiet. Il-proċess li jagħti prijorità lil dawk l-aktar fil-bżonn, il-proċess li jiddetermina liema residenza toffri l-aħjar spazju għall-persuna u finalment il-proċess ta’ tranżizzjoni.
Fix-xhur li ġejjin se jiftħu l-bibien tagħhom aktar djar minn dawn. Fil-fatt sal-aħħar tas-sena se jkunu qed jinfetħu tliet residenzi oħra f’Ħaż-Żabbar, Pembroke u l-Marsa, filwaqt li diġà hemm maħsuba tlett idjar oħra.
Dan bħala parti mill-proġett tal-Gvern, Soċjetà Ġusta, proġett li l-għan ewlieni tiegħu hu li persuni b’diżabbiltà jgħixu ħajja dejjem aktar indipendenti u jintegraw dejjem aktar fis-soċjetà.
Tkellimna ma’ Silvio Borg, social worker fi ħdan l-Aġenzija Sapport li spjegalna li fil-bidu jsir kuntatt mal-klijenti li jkunu applikaw biex persuna b’diżabbiltà tibda tgħix f’dawn id-djar fil-komunità. Dan biex ikun jista’ jsir l-assessjar meħtieġ biex mil-lista ta’ persuni jintgħażlu numru minnhom abbażi ta’ prijorità.
Dan għaliex dawn ir-residenzi ma jilqgħux fihom numru kbir ta’ nies bil-għan ewlieni jkun li tingħata l-attenzjoni neċċessarja lill-bżonnijiet ta’ dawn l-individwi filwaqt li l-ispazju jkun wieħed adegwat.
Fil-fatt, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabbiltà, Oliver Scicluna, stqarr magħna li huwa importanti ferm li d-djar jilqgħu fihom numru żgħir ta’ residenti biex b’hekk tinbena iżjed l-atmosfera ta’ familja.
Iżda dan mhuwiex l-uniku fattur importanti. Fil-fatt f’din il-fażi s-social workers tal-Aġenzija Sapport fil-fażi tal-għażla jibbażaw l-assessjar tagħhom fuq il-kundizzjonijiet li r-residenza tkun se tilqa’ fiha. Pereżempju r-residenza l-ġdida ta’ Pembroke se tkun qed tilqa’ fiha tfal b’imġiba li toffri sfida, dik tal-Marsa se takkomoda adulti bl-istess tip ta’ imġiba, filwaqt li dik ta’ Ħaż-Żabbar se toffri spazju addattat għal persuni b’diżabilitajiet varji iżda simili.
Dawn huma kollha fatturi li jiġu meqjusa fl-ewwel fażi ta’ dan il-proċess. Biex imbagħad ikun imiss it-tieni fażi tal-proċess, dik li tissejjaħ ‘matching’. Kif tissuġġerixxi l-kelma, f’dan il-proċess il-persuni b’diżabbiltà jiġu mqabbla mar-residenza li toffri l-aħjar spazju għalihom u mal-persuni li se jkunu qed jgħixu magħhom.
Dwar dan spjegatilna aktar Carmen Burmingham, Services Manager fi ħdan id-Dipartment tas-Servizzi Residenzjali. Qaltilna li f’din il-fażi tim multi dixxiplinari jiltaqa’ mas-social workers tal-Aġenzija Sapport u mat-tim tar-residenzi biex isir assessjar ieħor li din id-darba, fost oħrajn, jiġi identifikat il-persuni b’diżabbiltà xi jħobbu u x’ma jħobbux u jekk hemm persuni oħra li diġà jgħixu fir-residenza jaqblux magħhom bħala imġiba. B’din il-fażi tikkonkludi l-għażla ta’ liema persuni b’diżabbiltà jkunu se jibbenefikaw mill-proġett soċjetà ġusta. Dan kollu jsir bil-għan ewlieni li dawn il-persuni jingħataw l-aqwa servizz.
Iżda, ladarba l-lista tkun konkluża, dawn il-persuni mhux biss jiġu infurmati iżda jingħataw l-assistenza kollha neċċessarja fil-fażi ta’ tranżizzjoni. F’din il-fażi, il-ħaddiema tas-servizzi residenzjali jassiguraw li t-tranżizzjoni mir-residenza li kienu jgħixu fiha qabel, il-persuni b’diżabbiltà magħżula għar-residenza fil-komunità, tkun waħda differenti għal kull persuna.
Dan biex jiġu rispettati n-neċċessitajiet tal-persuna. Carmen spjegat mal-gazzetta, li l-ewwel pass f’din il-fażi jkun li dawn il-persuni jiġu jaraw ir-residenza u jqattgħu jum fiha. Imbagħad ikun imiss li l-persuna tqatta’ lejl fid-dar tal-komunità. Iżda l-proċess li jkun imiss, ma jkunx wieħed uniku għal kulħadd iżda jkun wieħed li jwieġeb għall-bżonnijiet differenti tal-persuna. Ladarba l-proċess jintemm b’suċċess, dawk magħżula jibdew jgħixu fir-residenza u jingħataw l-aqwa servizz possibbli.
Iżda l-ħaddiema mhumiex se jkunu l-uniċi persuni li jassiguraw li l-persuni b’diżabbiltà jintegraw bl-aħjar mod fis-soċjetà. Se jkun hemm jagħtuhom daqqa t’id ir-residenti li jgħixu fil-viċinanzi tad-djar. Dan ikkonfermawh ir-residenti li stqarrew li qed jistennew b’ħerqa biex dawn ir-residenzi jibdew jilqgħu fihom l-ewwel persuni u li se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex iħossuhom parti mill-familja tal-lokal.