Biex iżżomm mat-tradizzjoni fiż-żminijiet tal-festi, il-MaltaPost se tniedi sett ta’ tliet bolli li juru t-tema tan-Nattività tal-Milied. Bħala simbolu li jgħaqqad it-tliet bolli flimkien, hemm il-kewkba tad-deheb fuq tpinġija tal-Madonna bil-Bambin f’idejha, fuq anġlu li qed iħabbar it-twelid ta’ Ġesù u fuq kuruna dekorattiva tal-Milied.
Il-bolli l-ġodda se jinħarġu f’folji ta’ għaxra, b’kull bolla tkun ta’ daqs ta’ 31mm b’44mm, u b’watermark bis-Salib ta’ Malta. Din il-ħarġa se tikkonsisti f’50,000 tal-bolla ta’ €0.38, 30,000 tal-bolla ta’ €1.50 u 15,000 tal-bolla ta’ €2.50.
Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-fergħat postali f’Malta u Għawdex minn nhar it-Tlieta, 21 ta’ Novembru, waqt li ordnijiet jistgħu jsiru onlajn fuq www.maltaphilately.com/ jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c., 305, Triq Ħal Qormi, il-Marsa, MTP1001 (telefown 2596 1740 jew imejl info@maltaphilately.com).