Tliet binjiet li kienu fi stat t’abbandun ser jieħdu nifs ġdid għal kollox minn tliet kumpaniji li rebħu kompetizzjoni internazzjonali ta’ disinn biex jirriġeneraw dawn il-binjiet u joħolqu spazju ta’ housing speċjalizzat.
Id f’id mal-Kamra tal-Periti, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar ir-rebbieħa ta’ din it-tieni kompetizzjoni internazzjonali li permezz tagħhom ħa jgħinu komunitajiet, fosthom vulnerabbli, jsibu ħajt t’appoġġ.
‘Y Communal House’ huwa l-proġett ta’ YMCA Malta li b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro, il-kumpanija XYZ Architecture and Design ser tibni spazju ta’ rijabilitazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà għal persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom speċjalment għal nies li għandhom ‘il fuq minn sittin sena u nies b’diżabilità.
Dan filwaqt li t-tieni proġett bl-isem ta’ ‘Dar Qawsalla’ ddisinjata mil-kumpanija Inguanez Architects ser tara investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro biex l-LGBTIQ Rights Movement tkun tista’ toffri housing speċjalizzat għal persuni LGBTIQ bil-għan li jkunu jistgħu jibnu ċ-ċirku soċjali tagħhom, isibu impjieg u jitħarrġu fi programmi edukattivi.
It-tielet proġett huwa dak ta’ ‘Dar Mixtla’ mmexxi mill-Fondazzjoni Sebħ li għalih hemm allokat, mitt elf ewro. Il-kumpanija Atelier Maison se jibni spazju sigur biex jassisti żgħażagħ u nisa flimkien ma’ wliedhom li jkunu għaddew minn episodju ta’ vjolenza domestika biex jibdew jgħixu ħajja indipendenti.
Il-Ministru Roderick Galdes stqarr li programmi ta’ housing speċjalizzati mhux biss huma utli għas-servizzi li joffru imma d-disinn u l-ippjanar li tal-binja ser joffru sostenibbilità u innovazzjoni adattati għas-servizzi speċjalizzati li jagħtu.
Il-Ministru tenna li dawn il-proġetti mhux se joffru sempliċiment ġebel u saqaf imma se jagħtu dar.