Fil-gżira tat-tliet għoljiet, ir-Ramla l-Ħamra, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn, f’Għawdex, reġgħu kisbu l-Blue Flag.
Dan ifisser li dawn il-bajjiet laħqu standards għoljin fil-kwalità tal-ilma, l-immaniġġjar tal-ambjent, l-edukazzjoni ambjentali, u s-sigurtà.
Il-ġurija li tat il-Blue Flag Award lil dawn il-bajjiet, mhux biss faħħret il-kwalità ta’ dawn il-bajjiet, iżda wkoll, l-attivitajiet li saru f’dawn il-bajjiet stess.
Ġie spjegat li din is-sena sar investiment f’lifeguard tower ġdid għall-bajja ta’ Marsalforn kif ukoll żdiedu faċilitajiet ġodda fil-bajja tax-Xwejni apparti l-faċilitajiet preċedenti fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra u Ħondoq ir-Rummien.
Fil-fatt, fil-Bajja tax-Xwejni żdiedu tabelli ġodda ta’ informazzjoni, hemm żona ġdida tal-għawm, fil-jiem li ġejjin se jsir parkeġġ ġdid għal persuni b’diżabilità u hemm ippjanati diversi attivitajiet edukattivi f’din iż-żona.
Barra minn hekk, hemm pjanijiet li jkun hemm servizz ta’ lifeguard fil-futur qrib.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li din is-sena l-Ministeru applika għall-bajja tax-Xwejni bħala bajja ta’ kwalità bi pjanijiet biex tinkiseb il-Blue Flag fis-snin li ġejjin.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta Vince Attard.
Waqt l-istess attività, Nature Trust irrilaxxaw lura fil-baħar fekruna, bl-isem ta’ Claudette, li fieqet minn ferita kkawżata minn sunnara tas-sajd.