Il-bajjiet tar-Ramla l-Ħamra, Ħondoq ir-Rummien, u ta’ Marsalforn f’Għawdex ingħataw il-Blue Flag hekk kif issodisfaw il-kriterji tal-Foundation for Environmental Education (FEE) li f’pajjiżna hija rrappreżentata min-Nature Trust.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li “dan is-simbolu jpoġġi fuqna aktar responsabilità peress li l-Blue Flag tisfida lill-awtoritajiet lokali, lill-managers u lill-operaturi tal-bajjiet biex jilħqu standards għoljin fl-erba’ kategoriji ewlenin, dik tal-kwalità tal-ilma, il-ġestjoni u l-edukazzjoni ambjentali, kif ukoll is-sigurtà fil-bajja.”
Il-Blue Flag hija ċertifikat ta’ kwalità importanti li jikkontribwixxi ukoll għal turiżmu sostenibbli. Il-Ministru spjega li se tkun qiegħda tkompli l-ħidma biex il-Ministeru jkun jista’ japplika biex aktar bajjiet f’Għawdex jingħataw dan ir-rikonoxximent.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Vince Attard faħħar l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex iżomm livell għoli fil-bajjiet u irrimarka li l-aspett edukattiv li fuqu qed jaħdem il-Ministeru kien innotat mill-Foundation for Environmental Education.
Is-Sindku tax-Xagħra Dr Christian Zammit appella biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex inżommu l-bajjiet nodfa.