Il-bajjiet popolari Għawdxin tar-Ramla l-Ħamra, Ħondoq ir-Rummien u dik f’Marsalforn, għal sena oħra, reġgħu kisbu l-Blue Flag Award. Dan ifisser li dawn il-bajjiet laħqu standards għoljin f’erba’ kategoriji ewlenin, dik tal-kwalità tal-ilma, l-immaniġġjar tal-ambjent, l-edukazzjoni ambjentali u s-sigurtà fil-bajja.
Magħhom issa żdiedet ukoll il-bajja tax-Xwejni fit-tramuntana tal-gżira, li, għall-ewwel darba, ingħatat il-‘Beach of Quality Award’, li hu pass eqreb biex issir ukoll Blue Flag Beach fil-futur qrib.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, irringrazzja lill-Beach Management Team taħt is-superviżjoni tal-Intervention Team, li jaħdem qatigħ bil-għan li jżomm dawn it-tliet Blue Flags, filwaqt li jistinka biex aktar bajjiet jiżdiedu mal-lista.
Hu stqarr li l-Blue Flag mhijiex sempliċiment bandiera, iżda permezz ta’ dan l-iskrutinju qegħdin ikomplu jsaħħu lil Għawdex bħala gżira li toffri kwalità u eċċellenza lil dawk kollha li jżuruha.
Qal, “Biex nagħtu esperjenza mill-isbaħ lil dawk kollha li jżuruna u nkunu nistgħu nagħtu dan iċ-ċertifikat ta’ serħan il-moħħ, ta’ bajjiet ta’ kwalità, ta’ bajjiet b’ilma tal-ogħla livell lil dawk kollha li proprja jagħżlu li jagħmlu minn dawn il-bajjiet il-ħarġa tagħhom u l-post proprju ta’ fejn ikunu qegħdin iqattgħu l-ħin tas-sajf.”
Din is-sena, biex ikompli jissaħħaħ aktar l-element ta’ aċċessibilità f’dawn il-bajjiet imsemmija, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar investa f’erba’ amphibious chairs li se jkunu disponibbli kuljum bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar.
Dan hu servizz mingħajr ħlas għal min jixtieq jagħmel użu minnu.