Il-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa, il-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex u l-bajja tar-Riviera f’Għajn Tuffieħa ġew ikklassifikati mal-iżjed tlettax-il bajja li huma siguri mill-Covid-19 madwar l-Ewropa għal matul dan is-sajf li ġej.
Dan skont is-sit internazzjonali ‘European Best Destinations’, li ġie rrappurtat mis-sit awtorevoli Forbes.
Dan is-sit innota kif dawk it-turisti li se jżuru Malta se jingħataw sa €200 kull persuna talli jżuru pajjiżna.
Is-sit internazzjonali nnota kif pajjiżna huwa l-iżjed pajjiż li laqqam nies għal kontra l-Covid-19 madwar id-dinja u ssemma wkoll kif il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam turistiku tlaqqmu kollha għal kontra dan il-virus.
Is-sit semma kif biex tivjaġġa lejn Malta trid tippreżenta test negattiv jew inkella trid tippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea, la dan tal-aħħar jidħol fis-seħħ.
Is-sit ‘European Best Destinations’ semma kif fl-isbaħ gżira fil-baħar Mediterran, ir-ristoranti jinsabu miftuħa sa nofsillejl, filwaqt li mill-bidu ta’ dan ix-xahar wieħed jista’ ma joqgħodx bil-maskra fuq il-bajjiet.
Dan is-sit semma kif pajjiżna huwa destinazzjoni tal-ħolm u jsemmi wkoll l-isbuħija li joffru l-gżejjer Maltin.
Is-sit innota wkoll kif Malta hija destinazzjoni perfetta għal dawk li huma sportivi u għal dawk il-familji li jridu jsiefru flimkien.
Ġie nnutat ukoll kif Malta hija destinazzjoni għal dawk li jridu jgawdu filwaqt li jkunu siguri.
L-istess sit semma bajjiet oħra fil-Portugall, Spanja, Ċipru u l-Greċja, fost oħrajn.