Is-sena d-dieħla se jitlestew tliet awli ġodda fil-Qorti, minn fejn Maġistrati u Imħallfin jistgħu jisimgħu l-kawżi. Dan ifisser li se jinstemgħu iktar kawżi, jingħataw iktar sentenzi u għalhekk id-dewmien ikompli jonqos. Dawn il-proġetti infrastrutturali se jitwettqu mill-Gvern fix-xhur li ġejjin fil-Bini tal-Qorti, bl-għan ewlieni jkun dak li jiżdiedu aktar faċilitajiet u jkompli jitnaqqas id-dewmien.
Sabiex dan seta’ jsir, saret rilokazzjoni ta’ parti mill-Arkivju tal-Qorti Ċivili għal binja oħra fil-Furjana kif ukoll rilokazzjoni tal-librerija u training room mis-sular ta’ fuq għal biswit l-arkivju tal-Qorti Civili. L-awla l-oħra se ssir minflok l-uffiċju li kien jintuża mill-Prim Imħallef.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li sabiex iż-żewg awli ta’ fuq ikunu aktar aċċessibli, matul din is-sena nbnew ukoll żewġ lifts godda. Dan kollu se jkun frott ta’ investiment ta’ ftit aktar minn €750,000.
Waqt Konferenza Stampa fl-Arkivju tal-Qorti Civili, il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza li dan il-Gvern ikompli jaħdem bis-sħiħ favur aktar effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja u sostna li huwa kruċjali li l-ġudikanti jingħataw il-faċilitajiet li hemm bżonn biex isir dan.
Huwa qal li l-Gvern diġa’ wettaq sensiela ta’ riformi legali, iżda sostna li ma’ dawn ir-riformi nħasset il-ħtiega li jkun hemm investiment infrastrutturali.
https://www.youtube.com/watch?v=1HCOqWHBrQE&feature=youtu.be