Tliet atleti se jirrapreżentaw lil Malta waqt avveniment ta’ Combat Sports f’Martina Franca l-Italja. Il-kompetizzjoni se ssir fil-11 ta’ Marzu u l-atleti se jikkompetu fil-K1 Semi Professjonali.
Din il-parteċipazzjoni setgħet isseħħ grazzi għar-rappreżentant malti tad-WKA Simon Chetcuti, li għamel l-arranġamenti kollha meħtieġa.
L-atleti li se jieħdu sehem huma mis-Serbja madanakollu jitħarġu hawn Malta mall-klabb Jalen. Il-kowċ tagħhom huwa Milos Anic.
Huma se jikkompetu fi ġlidiet internazjonali fil-K1 Semi Professjonali mingħajr il-protezzjoni tas-saqajn.
Il-ġlidiet se jinkludu lil Strahinja Petrovic (Malta) kontra Piero Di Gregorio (Italja) fejn se jikkompetu għat-titlu mondjali tad-WPKF (World Professional Kombat Fighters). Il-ġlieda se tkun fuq 5 rounds ta’ żewġ minuti kull wieħed fil-kategorija tas-70 kg.
Vojin Ristic (Malta) se jisfida lil Marco Fusiello (Italja) f’taqbida Semi Profesjonali K1 fuq tliet rounds ta’ żewġ minuti kull round tal-kategorija 70 kg.
It-tielet atleta li se jirrapreżenta lil Malta huwa Vladan Ristic kontra Corrado Corvasce. Huma se jikkompetu wkoll fil-K1 Semi Profesjonali ta’ tliet rounds ta’ żewġ minuti kull wieħed fil-kategorija 64 kg.