Tlielaq tal-għawm, fix-xmara Seine f’Pariġi, li kienu se jsiru bħala pprova għall-Olimpjadi, li se jsiru fil-belt is-sena d-dieħla, ġew imħassra minħabba kwalità ħażina tal-ilma.
Dan, b’hekk jippreżenta sfida oħra mhux biss għall-organizzaturi tal-Olimpjadi, iżda wkoll għall-ambizzjonijiet li għandha l-belt, li tiftaħ ix-xmara għall-għawm għall-pubbliku wara l-logħob.
Minkejja li din il-ġimgħa, diġà saru xi tlielaq fix-xmara, li hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin f’Pariġi, testijiet li saru, sabu livell għoli ta’ batterja fix-xmara.
B’hekk bħala prekawzjoni u sabiex tiġi ssalvagwardjata is-saħħa tal-atleti, ġew imħassra t-tlielaq kollha għall-jum tal-Ħadd.
L-awtoritajiet ikkonċernati, qed jinvestigaw x’wassal għal dan il-livell għoli ta’ batterja.
Ix-xita, tista’ tkun wieħed mill-fatturi, hekk kif għarar li seħħ riċenti, baxxa l-kwalità tal-ilma tax-xmara.
Il-belt ta’ Pariġi, qed tagħmel diversi investimenti u proġetti sabiex it-tniġġis fix-xmara jinżel b’mod konsiderevoli sas-26 ta’ Lulju tas-sena d-dieħla, meta jibdew il-logħob.
Dan hekk kif l-organizzaturi tal-Olimpjadi huma determinati li jorganizzaw l-avvenimenti tal-għawm f’din ix-xmara, b’veduti pittoreski.