Tlettax-il sena ħabs u €23,000 multa għal raġel mixli bit-traffikar ta’ ħmistax-il kilo kannabis, 537 pillola ecstasy, u 10 grammi kokaina. Jason Farrugia, ta’ 33 sena minn San Ġiljan, wieġeb ħati għall-akkużi li jmorru lura għal bejn l-2009 u 2011.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Edwina Grima innotat kif fiż-żmien li ilu l-ħabs, Farrugia wera impenn li jirriforma lilu nnifsu, tant li l-isforzi tiegħu kienu rikonoxxuti ukoll mill-Ministru Għall-Intern Carmelo Abela.
Madanakollu, l-Qorti saħqet li r-reat kien wieħed serju li jġorr miegħu sentenza effettiva ta’ ħabs. Dan anke fid-dawl li l-valur tal-kannabis kien ilaħħaq €97,000, waqt li dak tal-ecstasy jaqbeż il-€5000.
Apparti s-sentenza u €23,000, Jason Farrugia kien ordnat iħallas ukoll €6700 fi spejjeż tal-Qorti.